Monday, September 23, 2013

Aquilina,C.(2013) Għaliex qed naraw ħafna ħanfus? www.newsbook.com.mt


Ħafna nies innutaw li għal kuntrarju ta’ drabi oħra, matul dan is-sajf raw aktar ħanfus mis-soltu. Imma dan kemm hu minnu?

Arnold Sciberras, li hu naturalist u riċerkatur li jispeċjalizza fir-rettili, ikkonferma li minħabba t-temperaturi għolja li kellna fl-aħħar ġimgħat, kien hawn aktar ħanfus jiġru mas-saqajn. Dan minħabba li l-ħanfus jgħammar fis-sajf.

Ir-Rhinoserius Beetle hi l-iktar speċi komuni ta’ ħanfusa f’Malta. Bħala daqs hi twila żewġ ċentimetri u isimha hu ispirat mill-annimal rinoċeronte u dan għaliex il-ħanfusa maskili għandha l-qrun.
Bħal kull insett ieħor, il-ħanfusa tistenna li t-temp ikun sħun biżżejjed biex ikollha biżżejjed enerġija u tkun tista’ toħroġ minn taħt il-ħamrija biex titgħammar.

L-iktar ħaġa li tattira lill-ħanfus hi d-dawl “għalhekk ħafna drabi jinġabru fi gzuz taħt xi lampa meta xi ħadd ikun qed jagħmel bbq”, qal ir-riċerkatur.

Sciberras, li huwa wkoll wieħed mill-fundaturi ta’ The Malta Herpetological Society, li taħdem biex teduka lin-nies dwar ir-rettili u l-anfibji, serraħ l-imħuħ li l-ħanfus m’għandhom xejn x’jaqsmu mal-wirdien u għalhekk ħadd m’għandu joqtolhom.

“Apparti li huma sors ta’ ikel għal annimali oħra, bħal ma’ hu l-qanfud, peress li l-ħanfus jfittex l-ikel minn taħt l-art, awtomatikament ikun qed iħammel il-ħamrija”.

Sciberras spjega li l-ħajja ta’ ħanfusa hija ferm qasira: titwieled, tgħix fil-fosdqa taħt l-art u ssir adult, ittir, titgħammar, tbid u tmut, u dan kollu f’temp ta’ ftit xhur.

Sciberras qal li r-Rhinoserius Beetle “mhix velenuża u hemm annimali li jiekluha imma ovvjament il-bniedem m’għandux jesperimenta ma dawn l-insetti”. Qal li hawn diversi speċi ta’ insetti li b’xi mod jagħtu l-velenu: jew billi jniggżu jew inkella billi tiekolhom.

“It-tendenza hi li meta insett ikun ikkulurit ħafna jfisser li mhux tajjeb għall-ikel u wisq probabli jkun velenuż. Eżempju ċar huma l-friefet, li l-kuluri tagħhom jużawhom biex jattiraw lil xulxin u anke biex iwissu li huma perikolużi”.

Skont l-aħħar riċerka, f’Malta b’kollox hawn madwar 2,500 speċi ta’ ħanfus u 50 minnhom huma endemiċi, jiġifieri li ssibhom biss fuq il-gżejjer Maltin. Annimali artropodi, jiġifieri li m’għandhomx sinsla tad-dahar, Malta hawn kważi 5,000 speċi fosthom il-ħanfus, in-nemel, il-widrien, il-friefet, il-ġurati u l-mazzarelli (dragonfly).

No comments: